Biex ma nfallux

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 30 ta’ Awwissu 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tal-Quddiesa tat-Tnejn tat-Tnejn u Għoxrin Ġimgħa matul is-sena. Kappella tal-Kurja, Floriana.

L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Nixtieqkom tinnutaw ftit x’ġara f’din il-ġrajja mill-Evanġelju skont San Luqa, meta Ġesù jmur lura Nażaret fejn kien trabba, u jidħol fis-sinagoga. Meta jidħol hemmhekk, u jieħu dik is-silta mill-Profeta Iżaija li tħabbar il-missjoni tiegħu, l-Evanġelju jgħid li “lkoll laqgħu kliemu u stagħġbu għall-kliem mimli ħlewwa li kien ħiereġ minn fommu”. Reazzjoni sabiħa, pożittiva. Jilqgħu l-kelma.

Imma mbagħad, ftit wara, meta Ġesù jispjega aktar fid-dettall, tinbidel għal kollox ir-reazzjoni tagħhom. Jgħid li meta semgħu dan, kulħadd imtela bil-korla; qamu u ħarġuh ’il barra mill-belt u ħaduh fuq xifer ta’ rdum tal-għolja li fuqha kienet mibnija l-belt, biex jitfgħuh minn hemm għal isfel. Din reazzjoni mhux biss negattiva imma vjolenti. X’ġara fl-istess ġurnata, anzi fl-istess laqgħa li kellu Ġesù magħhom fis-sinagoga, kif f’daqqa waħda nbidlu hekk in-nies? Għaliex kien hemm din il-bidla? Jidher li meta Ġesù beda jitkellem aktar fid-dettall fuq il-missjoni tiegħu, u li Alla hu għal kulħadd mhux għall-poplu ta’ Iżrael biss, u jsemmi dawk it-tnejn min-nies li ma kinux parti mill-poplu ta’ Iżrael – jiġifieri l-armla minn Sarefta ta’ Sidon u Nagħman tas-Sirja – hemmhekk qishom irvellaw u daru kontrih.

Tajjeb nistaqsu: kien falliment għal Ġesù dakinhar li mar fil-bidu tal-missjoni tiegħu fis-sinagoga? Kien falliment li n-nies ta’ pajjiżu stess ta’ Nażaret spiċċaw daru kontrih? Hawnhekk niftakru li l-Kelma ta’ Alla, fit-Testment il-Qadim u fi żmien Ġesù, hemm dejjem min jilqagħha u min jirrifjutaha, min jiftaħ qalbu għaliha u min jagħlaq qalbu għaliha. Dik dejjem hi s-sitwazzjoni fejn tidħol il-Kelma ta’ Alla. Imma dan kien falliment għal Ġesù?

Il-Kelma ta’ Alla hi dik li teħles lill-bniedem

Li kieku Ġesù l-iskop tiegħu kien li jkun popolari, li jiġbor lin-nies miegħu, li aktar ma jkollu nies aħjar, jgħidilhom x’jgħidilhom, hawnhekk kien ikun falliment. Aħjar waqaf fl-ewwel parti meta n-nies laqgħuh u qalu “kliem mimli ħlewwa”, u baqa’ hemm. Imma Ġesù l-iskop tiegħu ma kienx dan. L-iskop tiegħu kien li jxandar il-Kelma ta’ Alla b’fedeltà lejn il-Missier. Għalhekk mhuwiex l-iskop li jingħoġob jew li jgħid dak li n-nies iridu jisimgħu, imma li jwassal il-Kelma ta’ Alla kif inhi. Kien ikun falliment għal Ġesù kieku mexa sempliċiment ma’ dak li n-nies jaħsbu, iħossu, iridu, u jagħtihom lura dak li huma jixtiequ, daqshekk biss. Imma Ġesù għaraf li l-missjoni tiegħu kienet li jxandar l-Aħbar it-Tajba kif inhi, anke jekk minn xi nies iġġib reazzjoni negattiva.

Dan hu messaġġ importanti. Fil-Kelma ta’ Alla llum, ħa nsemmi dawn iż-żewġ punti li tant huma ta’ ġid għall-ħajja tagħna. L-ewwel nett, li nagħrfu li fil-ħajja tagħna Nisranija l-falliment ikun meta aħna ma nkunux fidili lejn Alla, jekk ma ngħixux b’fedeltà lejh. Mhux meta jkun hemm min ma jaqbilx magħna jew jirrifjuta l-Kelma ta’ Alla, mhux dak hu l-falliment. Imma jekk aħna f’li nagħmlu, f’li ngħidu, ma ngħixux b’fedeltà lejn Alla, hemm ikun il-falliment.  Għalhekk hu importanti li aħna dejjem infittxu dak li jrid Alla, il-kelma tiegħu, u tkun din li tispirana fil-ħajja tagħna. It-tieni, il-kelma ta’ Ġesù meta qal “l-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani…” hawnhekk il-kelma tiegħu turina ħaġa tant importanti. Il-Kelma ta’ Alla hi dik li teħles lill-bniedem, lilna tagħmilna ħielsa, u hekk hi għalina l-Kelma ta’ Alla jekk naċċettawha u nilqgħuha.  

Nitolbu lill-Mulej biex nilqgħu l-kelma tiegħu, inħalluha tidħol f’ħajjitna u tibdilna għall-aħjar – il-Kelma ta’ Alla f’ħajjitna tagħmel biss ġid u hi kelma li tgħinna biex ngħixu ħielsa – u li tgħinna wkoll biex inwasslu b’ħajjitna u bil-kelma tagħna l-Aħbar it-Tajba bil-kuraġġ, bla biża’ u b’fedeltà sħiħa lejn il-Mulej.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

Leave a Reply