It-tqarbin mhuwiex premju għall-perfetti

Print Friendly, PDF & Email

Waqt il-konferenza stampa li l-Papa Franġisku ta waqt it-titjira lura lejn Ruma huwa kien mistoqsi dwar it-tqarbin ghħandux ikun imċaħħad lil politiċi li huma favur l-abort.

Il-Papa Franġisku wieġeb hekk …

Jiena qatt ma rrifjutajt l-Ewkaristija lil ħadd, lil ħadd. Ma nafx qatt ġie xi ħadd li kien f’dawn il-kundizzjonijiet, imma jiena qatt, qatt ma ċaħħadt lil ħadd mill-Ewkaristija. U dan diġà minn meta kont qassis. Qatt. Imma qatt ma kont konxju li għandi quddiemi persuni kif qed tiddeskrivi int, dan hu veru.

Sempliċiment, l-unika darba li kelli xi ftit… ħaġa simpatika, kienet meta mort niċċelebra l-quddiesa f’dar tal-anzjani u konna fis-salott u għidt: “Min irid jitqarben, jgħolli idu”: kollha, ix-xjuħ, kollha riedu jitqarbnu, u meta qarbinthom waħda mara qabditli idi u qaltli: “Grazzi, Dun, grazzi. Jiena Lhudija…”. Jiena għidt: “Le… Anki dak li tajtek hu Lhudi… Immexxu”. Din hi l-unika ħaġa stramba, imma dik il-mara ma kinitx qaltli qabel, qaltli wara. Le. It-tqarbin mhuwiex premju għall-perfetti.

Wara l-Papa tkellem b’mod qawwi hafna kontra l-abort …

It-tieni, il-problema tal-abort. L-abort hu iżjed minn problema, l-abort hu omiċidju. L-abort… bla ma noqogħdu nomogħduha: min jagħmel abort, ikun joqtol. Aqbdu liema ktieb ta’ embrijoloġija tridu, minn dawk li jistudjaw l-istudenti fil-fakultajiet tal-Mediċina. It-tielet ġimgħa mit-tnissil, fit-tielet ġimgħa, tant drabi qabel ma l-omm tintebaħ, l-organi kollha diġà jkunu hemm, kollha, anki d-DNA. Dik mhijiex persuna? Hija ħajja umana, daqshekk. U din il-ħajja umana trid tiġi rrispettata. Dan il-prinċipju huwa hekk ċar, u lil min ma jistax jifhmu jien nagħmillu żewġ mistoqsijiet: sewwa li toqtol ħajja umana biex issolvi problema? Xjentifikament hija ħajja umana. It-tieni mistoqsija: sewwa li tikri assassin biex issolvi problema?

Tista’ tara konferenza stampa bil-Malti minn hawn …

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.