Il-Kardinal ta’ 90 sena, Joseph Zen, li kien Isqof tad-Djoċesi ta’ Hong Kong mill-2002 sal-2009, nhar l-Erbgħa ġie arrestat mill-awtoritajiet ta’ Hong Kong. Allegatament, il-Kardinal inħeles fuq pleġġ, skont rapporti ċċirkolati permezz tal-midja soċjali minn ġurnalisti lokali li poġġew ukoll ritratti tal-Kardinal Zen barra l-għassa ta’ Wan Chai.
L-Erbgħa filgħaxija, l-Kardinal ġie miżmum mit-taqsima tal-puluzija mwaqqfa biex tissorvelja s-sigurtà nazzjonali taċ-Ċina. Skont sorsi lokali, L-Kardinal inżamm f’għassa għall-interrogazzjoni. Il-Kardinal qed jiġi akkużat b’ “kollużjoni ma’ forza barranin”, b’rabta mar-rwoll tiegħu bħala amministratur tas-612 Humanitarian Relief Fund, fond li appoġġa lid-dimostranti favur id-demokrazija biex iħallsu għall-ispejjeż legali u mediċi li ffaċċjaw.
“Is-Santa Sede semgħet bi tħassib l-aħbar tal-arrest tal-Kardinal Zen u qed issegwi l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni b’attenzjoni kbira”. Hekk qal id-Direttur tal-Uffiċċju Stampa tas-Santa Sede, Matteo Bruni, bi tweġiba għall-mistoqsijiet li sarulu mill-ġurnalisti.
Il-Kardinal Zen kien wieħed mil-promoturi tal-organizzazzjoni, stabbilita fl-2019 u xolta f’Ottubru tas-sena l-oħra. Minbarra l-Kardinal, l-awtoritajiet arrestaw ukoll promoturi oħra tal-fond, fosthom l-avukat magħrufa Margaret NG, eks-Mp tal-oppożizzjoni; akkademiku Hu Po-keung; u l-kantanta-kittieba tal-kanzunetti Denis-Ho. L-arresti tagħhom pew ikkonfermati minn sorsi legali ta’ Hong Kong.
Il-midja lokali rrappurtat l-arrest, u qalet li l-investigazzjoni tal-infurzar tal-liġi tiffoka fuq allegat ‘kollużjoni’ mill-Fond 612 ma’ ‘forzi barranin’, bi ksur tal-liġi tas-sigurtà nazzjonali imposta minn Beijing f’Ġunju 2020. L-akkuża miġjuba kontra dawk arrestati hija waħda minn erba’ reati taħt l-Att dwar is-Sigurtà Nazzjonali tal-belt, imfassla biex twarrab protesti favur id-demokrazija f’Hong Kong. Il-liġi l-ġdida ġiet ikkundannata internazzjonalment. Ir-reati l-oħra elenkati fl-att – is-sovversjoni, firda u t-terroriżmu – li jistgħu jġorru sentenzi sa għomor il-ħabs.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-05/cardinal-zen-arrested-in-hong-kong-holy-see-expresses-concern.html