Fit-2 ta’ Ġunju l-Knisja tfakkar lil San Marċellinu u San Pietru, Martri li ħadu l-martirju fis-sena 304.
San Marċellinu kien qassis u San Pietru kien eżorċista.
Fil-persekuzzjoni ta’ Djoklezjanu għall-ħabta tat-303, Pietru kien mitfugħ il-ħabs minħabba l-fidi tiegħu. Fil-ħabs fejjaq lil bint il-kalzrier, jismu Arthemius, u minħabba f’hekk il-kalzrier, martu u bintu talbu li jsiru nsara.
Pietru ħadhom għand il-qassis Marċellinu biex jgħammidhom. Minħabba f’hekk issa anki Marċellinu ġie mixħut il-ħabs u mogħti l-moħqrija. Kemm damu l-ħabs saħħew il-fidi ta’ sħabhom il-priġunieri.
Mill-ħabs ħaduhom bil-moħbi ġewwa bosk imsejjaħ Silva Nigra, u hemm qatgħulhom rashom, madwar is-sena 304 u difnuhom malajr f’ħofra li kienu ħaffru minn qabel biex żgur li ħadd ma jkun jaf fejn ġew midfuna. Iżda ġara li l-bojja li qatilhom, hu stess sar Nisrani, u flimkien ma’ Nsara oħra ħadu l-iġsma tagħhom, u difnuhom ħdejn il-katakombi ta’ Triq Labicana, fejn wara, l-Imperatur Kostantinu l-Kbir bena Bażilka għall-unur tagħhom, u fiha difen ukoll lil ommu, Sant’ Elena.
Il-Papa Damasu I għamel skrizzjoni fuq il-qabar tagħhom, dwar dak li kien sema’ meta kien għadu tifel, minn fomm dak stess li kien qatalhom rashom.
Isimhom insibuh fil-Kanoni Ruman, tal-Ewwel Talba Ewkaristika tal-Quddiesa. Il-knisja tagħhom f’Ruma hi waħda mill-knejjes stazzjonali u kardinalizja.